L-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija

Merħba!

L-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija twaqqfet fid-19 ta’ Ottubru 2007, waqt l-ewwel konferenza dwar il-Lingwistika Maltija li saret fl-Università ta’ Bremen. F’din il-konferenza ħadu sehem ’il fuq minn 50 studjuż minn Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżrael, l-Italja, il-Ġappun, Malta u l-Istati Uniti.

L-għaqda għandha l-għan li tħeġġeġ l-istudju tal-ilsien Malti. Se nippruvaw noħolqu ċentri universitarji oħra barra minn Malta għal din il-lingwa. Dan għandu jwassal għall-ħolqien ta’ netwerks ta’ kollaborazzjoni bejn studjużi u riċerkaturi minn diversi pajjiżi.

Waqt il-laqgħa ta’ inawgurazzjoni ġie elett unanimament kumitat ta’ tmexxija. Thomas Stolz (mill-Istitut tal-Lingwistika ġenerali u applikata, Università ta' Bremen), inħatar bħala l-ewwel President, filwaqt li Manwel Mifsud, il-President tal-Kunsill tal-Malti u Professur tal-Malti fl-Università ta' Malta, Bernard Comrie (mill-“Planck Institute for Evolutionary Anthropology”), Martine Vanhove (mil-“Langues et Cultures d'Afrique Noire (LLACAN)”), u Ray Fabri mid-Dipartiment tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta inħatru bħala viċi-Presidenti.